Grupp A tal-Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2008 hu wieħed mill-erba' gruppi tal-Kampjonati Ewropej 2008. L-ewwel partiti tal-grupp intlagħbu fis-7 ta' Ġunju 2008, u tkomplew sal-15 ta' Ġunju 2008. Is-sitt partiti ntlagħbu fl-Iżvizzera, fil-bliet ta' Bażel u Ġinevra. Il-grupp kien jikkonsisti mill-ospitu tal-Iżvizzera u l-ospiti tal-Kampjonati Ewropej 2004 il-Portugall, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka u t-Turkija.
Il-Portugall rebħu l-ewwel żewġ partiti kontra t-Turkija u r-Repubblika Ċeka, fejn skurjaw ħames gowls, biex ikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali bħala rebbieħa tal-grupp. It-tieni post għall-kwarti tal-finali ġiet deċiża bir-rebbieħ tal-partita bejn it-Turkija u r-Repubblika Ċeka. Minħabba li t-tnejn li huma kellhom l-istess rekord, jekk il-logħba kienet tispiċċa pari, il-post fil-kwarti tal-finali kien jiġi determinat permezz tal-għoti tal-penalties — l-ewwel darba li tintuża l-lotterija ta' penalties fil-fażi tal-gruppi. Min-naħa l-oħra, l-Iżvizzera spiċċaw l-ewwel tim eliminat minn dan il-kampjonat wara li tilfu kontra t-Turkija 2–1 fit-tieni parta, b'Arda Turan jiskorja l-gowl tar-rebħa fl-aħħar minuta.
L-aħħar rawnd ta' logħob ra lit-tim Portugiż iserraħ parti kbira mill-plejers hekk kif il-kwalifikazzjoni kienet diġà assigurata. Kontra l-Iżvizzera ma kinitx faċli hekk kif tal-lokal ħarġu b'tim qawwi u rnexxielhom jirbħu l-partita 2–0, fejn din kienet l-ewwel rebħa Żvizzera fl-istorja tagħhom fil-Kampjonati Ewropej. Dak il-ħin kien hemm partita aktar importanti hekk kif din kienet se tiddeċiedi liema tim se jkompli fil-kompetizzjoni. Iċ-Ċeki daħlu jistrieħu wara l-ewwel taqsima b'vantaġġ ta' gowl, u dan ir-riżultat irduppjawh ftit wara l-bidu tat-tieni taqsima. Arda Turan daħħal lit-Torok lura fil-partita fil-75 minuta, qabel ma' Petr Čech wettaq żball li ħa vantaġġ minnu Nihat Kahveci biex kiseb il-pari. Wara l-pari, it-Torok dehru aktar ottimisti u rnexxielhom jirbħu grazzi għat-tieni gowl fil-partita ta' Nihat li skorja minn madwar 20 metru bogħod. Hekk kif kien għad baqa' ftit minuti x'jintlagħbu, ir-Repubblika Ċeka tefgħet kollox fuq l-attakk u dawn tefgħu ballun fil-kaxxa imma li ma rriżulta f'xejn. Però, il-gowlkiper tat-Turkija Volkan Demirel imbotta lil Jan Koller minħabba li ħaseb li kien hu li kien imblukkah, u dan ġie muri l-karta l-ħamra. It-Turkija rnexxielhom iżommu, minkejja li Tuncay Şanlı kellu jidħol bħal gowlkiper għall-aħħar sekondi. Fost il-plejers Ċeki ma kienx hemm serenità u dan deher b'żewġ ammonizzjonijiet lil Tomáš Ujfaluši u Milan Baroš f'dawn l-aħħar żewġ minuti tal-partita, minkejja l-fatt li Baroš kien fil-bank tas-sostituti waqt il-logħba kollha.
Żvizzera vs Repubblika Ċeka
Portugall vs Turkija
Repubblika Ċeka vs Portugall
Żvizzera vs Turkija
Żvizzera vs Portugall
Turkija vs Repubblika Ċeka
Noti
- ^ Baroš ġie ammonit minn fuq il-bank tas-sotituti, minkejja li ma ħax sehem fil-partita